Li kellkom issaqsu lili, ngħidilkom li n-nazzjon Malti ilu f’xi forma ta’ kriżi għal għexieren twal ta’ snin. Wisq probabbli l-ewwel kellna l-proċessi tal-Imperjaliżmu li intervjenu meta l-etnoġeneżi Maltija fl-epoka moderna kienet vulnerabbli għall-aħħar. Dan sab l-awżilju tas-serviliżmu lejn dak l-imperjaliżmu li għamel tiegħu t-tħassir nazzjonali tal-Maltin. Kellna wkoll populiżmi preparati nofs kedda bi żbalji antinazzjonali, u magħhom tnikkir ġeneralment borgiż u timidament nazzjonali u arrendevoli. Ma’ dawk, li huma pjuttost Maltin, żid magħhom proċessi fil-Punent kollu, bħar-rebħa kontinwa u bla kontestazzjoni serja tan-neoliberaliżmu u l-individwaliżmu, il-materjaliżmu f’diversi aspetti iżda mhux lanqas fil-ħajja ta’ kuljum b’konsumiżmu sfrenat, u issa mewġa fuq mewġa ta’ barranin “meħtieġa” f’soċjetà li tilgħabha tal-komda u l-progredita però sfat Babiloneska. B’allegorija, meta l-bniedem għolla rasu bit-Torri ta’ Babel, Alla poġġih f’postu.
Iżda, il-fatti tas-6 ta’ Mejju 2024 huma kriżi partikolari u qawwija, ikun xi jkun l-eżitu tagħha. Din kriżi li fiha jidher li għall-ewwel darba fl-istorja politika tagħna ex-Prim Ministru se jispiċċa akkużat kriminalment u biż-żieda li dan seħħ taħt Gvern immexxu mis-suċċessur immedjat tiegħu, tal-istess partit tiegħu, u preżumibilment minn nies li tpoġġew fil-karigi relattivi fi żmien Gvernijiet Laburisti. Dawn fatti, bażiċi kemm huma bażiċi. Iva, wieħed irid jgħarbel iktar u bir-raġun, però kultant dak li apparenti jaħarbilna qalb it-tfettiq ta’ min irid jipprova jiġġustifika dak li wieħed għad irid jara hux ġustifikabbli. Il-preżunzjoni tal-innoċenza hija garanzija fondamentali fid-dritt tagħna, u għajb għal min jinsih, però intant qegħdin jintleħqu ċertu primati politiċi u dawk hemm se jibqgħu. Primat ieħor kien dan fil-bidu: il-poplu vvota lill-Partit Laburista fil-Gvern primarjament għax kien xeba’ bl-arroganza, bis-sens ta’ intitolament li kien qiegħed jipperċepixxi, u s-sens ta’ korruzzjoni li kien iħoss. Dawn hemm kienu, ġusti o meno, iżda politikament reali. Użgur, ħafna mxew wara dik is-sejħa, wisq probabbli aktar milli riedu verament jimxu wara ideoloġizzar progressist, u issa ħafna jidhru li jibqgħu warajha bil-panem et circensis, bit-tribaliżmu stupidu u bl-apatija għal kull bidla verament radikali. Tiftakruh lill-ex Prim Ministru akkużat isejjaħ għal tolleranza żero għall-korruzzjoni? Naqblu.
Malta korrotta, u għalina tal-M.A.S. l-korruzzjoni tant qiegħda fil-fond tar-ruħ Maltija li m’għandha ebda kulur. Li hu żgur, li l-kuluri mhux bojod u ħomor, iżda tiċpis fuq dawk il-kuluri tant tajbin f’qalbna. It-tindif huwa meħtieġ, iżda żgur naħsbu li kulħadd għandu jħares f’għajnejh u jara li m’għandux ħmieġ li tħalla jikber, qabel wieħed jiġri jikkundanna. F’din is-sitwazzjoni ta’ kriżi nawguraw il-kalma, is-serenità tal-ġudizzju, il-ġustizzja biex tirrenja l-paċi. Nawguraw li Malta terġa’ ssib ruħha, dik ġenwina u vera, lil hinn mill-mandra li l-partiġġaniżmu jkaxkarha fiha.
Kriżi? X’kelma hi? Tidher mit-Taljan, bħal ħafna kliem Malti. L-għerq etimoloġiku tagħha jmur oltre (ovvjament). Mid-dizzjunarju Treccani nsibu hekk:
criṡi (ant. criṡe) s. f. [dal lat. crisis, gr. κρίσις «scelta, decisione, fase decisiva di una malattia», der. di κρίνω «distinguere, giudicare»][1].
Mela naraw li oriġarjament kriżi titnissel mill-Grieg fil-Latin, mil-Latin għat-Taljan u mit-Taljan għall-Malti u nistgħu naraw li kriżi tfisser xelta, deċiżjoni, f’waqt deċiżiv f’sitwazzjoni (appuntu) kritika, u l-għajn ta’ kollox hija l-fakultà umanissima li niddistingwu u li niġġudikaw kontra l-ħażin u favur it-tajjeb. Malta, x’se tagħżel?[2]
avv. Edric Micallef Figallo
President M.A.S.
[1] https://www.treccani.it/vocabolario/crisi/ – Aċċess fis-06/05/2024.
[2] U ħudu paċenzja, l-għażla jekk issir f’elezzjoni kif Malta qiegħda bħalissa se jkollha riżultati spjaċevoli, għax mhux naraw min verament lest jasal għall-bidliet kulturali li jistgħu jkunu meħtieġa.
