
English translation HERE.
Vera li l-ekonomija Maltija tidher miexja tajjeb u mhux biss kulħadd qed isib xogħol imma f’Malta qed jaħdmu wkoll ħafna barranin. Dan ifisser li ma għandna nagħtu kas ta’ xejn iżjed u nserrħu rasna li kollox sejjer tajjeb?
Il-fatt li qed jiġu ħafna nies, kemm bħala turisti u kemm biex ifittxu x-xogħol, qed joħloq bżonn ta’ ħafna akkomodazzjoni u kif ukoll ħafna iżjed minn kollox, bħal toroq, sptarijiet, skejjel, u kull xorta ta’ infrastruttura oħra. Ix-xogħol biex fit-toroq ma jkunx hemm konġestjoni fit-traffiku ma nixtgħux inlaħħqu miegħu.
Tant żdied il-bżonn ta’ aktar bini li nibnu kemm nibnu dejjem hemm il-bżonn għal aktar. Dan kompla tella’ l-prezzijiet tal-bini m’ogħla s-smewwiet. Iż-żgħażagħ tagħna li jaslu biex jiżżewġu qed ikollhom jissellfu sa snienhom biex jixtru mqar flett żġħir u biex iħallsu għad-dejn li jagħmlu mal-bank ikollhom jaħdmu hajjithom kollha biex meta joħorġu bil-pensjoni jkunu fdewh.
Tant qed jinbena kullimkien u tant qed jiżdiedu t-toroq li dejjem qegħdin innaqru mill-kampanja, anka minn dik il-kampanja li tant hija bżonjuża biex il-bidwi ikabbar il-hxejjex neċessarji biex ikollna x’nieklu. Dan qed jagħmilna dejjem aktar dependenti fuq l-importazzjoni anka għall-ikel li nieklu kuljum.
Dan ċirku vizzjuż. Iżjed ma nimportaw, iktar il-ħajja issir għolja. Dan ikompli jgħolli il-prezzijiet anki tal-ikel. Il-paga ma tibqax biżżejjed u l-ħaddiem, permezz tal-union tiegħu, jitlob paga ogħla. Pagi iktar għoljin ikomplu jgħollu il-prezz tal-produzzjoni tagħna u dan jista’ jfisser li ma nibqgħux kompetittivi ma pajiżi oħrajn li ma jkollhomx jimportaw kollox minn barra bħalna.
Il-President il-ġdid li għadha kif saret, Myriam Spiteri Debono, għadha kemm għamlet appell biex l-art għammiela ma tibqax dejjem tonqos. Il-kuntratturi li dejjem qed jaraw l-opportunitajiet għalihom biex jagħmlu aktar flus, qegħdin dejjem japplikaw għall-permessi biex ikomplu jibnu. L-ewwel darba li japplikaw forsi ma jingħatawx permess , imma prova illum u prova għada, fl-aħħar iġibuh u dik li nsejħula ODZ (Outside Development Zone) qiegħda dejjem tonqos.

Mhux hekk biss. Tant qed jinħass il-bżonn għal aktar bini li tant qed jinbena bini ta’ malajr li lanqas qed jagħtu kas li jibnu sew kif titlob is-sengħa u b’hekk qed jiżdiedu id-disgrażżji fuq is-siti tal-kostruzzjoni u kif ukoll il-każi ta’ bini difettuż li partjiet minnu jistgħu jaqgħu u ġieli anke jmutu n-nies bħal kas ta’ Jean Paul Sofia, li miet tant żgħir u li ommu għamlet kruċjata sħiħa biex forsi jirnexxielha tirriforma is-settur tal-bini biex dawn id-diżgrazzji ma jerġgħux iseħħu u b’hekk għallinqas binha ma jkunx miet għal xejn.
Ejjew nirsistu biex nerġgħu ndaħħlu s-serjeta fl-industrija tal-bini. Malta għad għandha benejja serji li jagħtu xogħol tajjeb. Ejjew naraw li ma nħallux lil min irid jagħmel sold faċli, billi jimpjega nies li m’humiex kapaċi, għax kif jgħid il-Malti, l-irħis għali u qed naraw kemm qed inħallsu qares biex dawn il-ftit li jaraw biss flus quddiem għajnejhom, u ma jimportahom minn xejn aktar, isiru sinjuri ta’ malajr.

Saviour Buttigieg
Segretarju
