IR-RATA TA’ NATALITÀ…

I

Min isegwi l-programmi li qegħdin inxandru jista’ jifhem li l-parteċipanti kollha s’issa nqisu l-problema tan-natalità Maltija bħala problema epokali għan-nazzjon Malti, eżasperata minn sovrapopolament attwali miġjub minn migrazzjoni ekonomika liberali u massiva. Hawn min jaħseb sew li l-bniedem ugwali, però dan isir ħsieb falz u ingannevoli meta fit-tħaddin tiegħu jiċħad il-valur uman tan-nazzjonalità u tal-patrijottiżmu. Id-dinjità fundamentali ta’ kull bniedem mhix esklużjoni ta’ arrikkimenti soċjali u kulturali ulterjuri li jiffurmaw identitajiet umani diversi, distinti u ta’ valur fihom infushom. Le, m’aħniex kollha xorta fis-sens li aħna interskambjabbli. Dik mhix idea Kristjana, dik idea tal-individwaliżmu modern anti-Kristjan, spiss imbuttat fl-istorja minn forzi kapitalistiċi id f’id mal-agħar suldati tax-xellug estrem b’maskra moderata.

In-nazzjonalità u t-tkattir tagħha huwa valur san u ġust, ġust meta ma jirfisx fuq id-drittijiet leċiti ta’ nazzjonalitajiet oħra. In-nazzjonalità arrikkiment fuq l-umanità, anzi hija integrali għall-vera umanità, hija riflessjoni wkoll tar-raba’ kmandament, u hawn ippermettulna nisiltu minn Papa Qaddis, San Ġwanni Pawlu II:

“It-tifsira li tkellimna dwarha rigward il-kunċett ta’ patrija u r-rabtiet tagħha mal-paternità u mal-ġenerazzjoni, tipponta lejn il-valur morali tal-patrijottiżmu. Jekk nistaqsu fejn jidher il-patrijottiżmu fid-Dekalogu, it-tweġiba malajr insibuha: ir-raba’ kmandament li jobbligana nqimu lil ommna u lil missierna. Dan jaqa’ taħt l-umbrella tal-kelma Latina pietas, li tiġbor fiha d-dimensjoni reliġjuża tar-rispett u l-qima mogħtija lill-ġenituri.” – Minn Memorja u Identità, Kapitlu 12 Il-patrijottiżmu, paġna 77, pubblikat minn ĊAK fl-2011 (www.cakmalta.org).

Ix-xandir awdjoviżiw reċenti tagħna tal-M.A.S. fuq l-internet beda f’Diċembru li għadda u għadna qegħdin (u wisq probabbli, nibqaw) nipperfezzjonaw il-prodott tekniku u dak ta’ kummentarju u formazzjoni. Din il-problema epokali qabel Diċembru konna ilna nitkelmuha, spiss privatament, għal snin.

Fost in-nies prominenti li stenbħu għal din ir-realtà u sfida politika maġġuri għas-sopravvivenza tan-nazzjon Malti, kellna l-E.T. l-Arċisqof lura f’Jum ir-Repubblika u aktar reċentement l-Onor. Ministru tal-Finanzi. Issa l-kbarat qed jgħarfu. Irridu ngħarfu l-isfida biex nikkumbattulha, ngħarfu l-problema biex insibu u nwettqu s-soluzzjonijiet.

Din l-ispeċi ta’ konverżjoni fuq it-triq ta’ Damasku ta’ ċertu kbarat m’għandnix ħlief napprezzawha, flok nagħmlu bħal oħrajn li jinħlew f’kummentarji partiġġjani skifużi. Wara kollox, jekk vera żbalja xi ħadd, liem Kattoliku ġenwin ma jemminx fir-redenzjoni u l-konverżjoni għas-sewwa? U iva, noqgħodu attenti mill-bżar f’għajnejn il-boloh, però nittamaw u nsostnu l-buona fede għall-azzjoni qabel nitilqu bil-kundanni fuq il-passat. Inkella l-kundanna tkun fuq Malta tagħna.

Aħna tal-M.A.S. jinteressana mis-sopravvivenza tan-nazzjon Malti u nitolbu u naħdmu biex ma nersqux lejn l-insostenibbiltà jew agħar l-estinzjoni (b’differenza għal xi summi li jitħallew jużaw riżorsi ekkleżjali favur kredu suwiċida għall-Maltin, mingħajr ħadd ma jistħi, min irid jifhem ħa jifhem).

Dawn dati statistiċi, mhux opinjonijiet.

Hawnhekk fuq din ir-riflessjoni fil-qosor, xrara storja tal-M.A.S. Infakkar kif fis-snin ħamsin tas-seklu l-ieħor, waħda mill-ewwel sforzi tal-M.A.S. kienet l-Assoċjazzjoni għall-Familji Numerusi, biex tippromwovi l-ġid tal-istess familji. Min jaf fis-snin ta’ wara kemm kien hemm summi u vavi li ddieħqu bihom, u min jaf issa kemm verament għandna bżonnhom. Ippermettulna l-idealiżmu, il-Kristjan ma jitlifx it-tama, u l-ideali naraw li nfittxuhom b’realiżmu.

Qegħdin insegwu b’interess dawn id-diskussjonijiet, dawn il-konverżjonijiet, u se nibqgħu nsegwuhom. Il-M.A.S. huwa iva patrijottiku, u fuq dan għandna tradizzjoni provata fil-pubblikazzjonijiet u l-pożizzjonijiet tagħna u tal-fundatur tagħna. L-antipatrijottiżmu, universaliżmi foloz u riduttivi mhux patrimonju tagħna, mhux missjoni tagħna. Irridu lin-nazzjon Malti jqum, jagħraf is-sewwa, u jimxi fuq it-triq tas-sewwa għalih skond il-karatteristiċi nazzjonali tiegħu u s-sewwa tal-kredu Kattoliku.

Għoddni tagħkom,
avv. Edric Micallef Figallo
President – M.A.S.

Dwar l-awtur

avv. Edric Micallef Figallo

Żid kumment