l-ewwel ta’ mejju u n-nisrani

l

Il-festa tal-Ewwel ta’ Mejju ssib l-oriġini tagħha fi ġlieda li seħħet f’Chicago (Stati Uniti) bejn puluzija u l-ħaddiema tal-istabbillimenti McCormick Harvester li kienu qed jagħmlu dimostrazzjoni għal kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar. Dan l-inkontru bejn ħaddiema u puluzija, li sfortunatament irriżulta fit-tixrid tad-demm, seħħ proprju fl-1 ta’ Mejju tal-1886.

L-Ewwel ta’ Mejju 1886

F’din il-ġlieda tal-Ewwel ta’ Mejju tal-1886 kienu nqatlu erba’ ħaddiema. B’riżultat ta’ dan, spiċċat indaħlet fis-sitwazzjoni l-“Internazzjonali Amerikana”, li għamlet appell li kien jgħid: “Is-sidien telqulna ma saqajna l-klieb tal-għassa tagħhom, il-Pulizija qatlu lil ħutkom ħaddiema ta’ McCormick. Qatlu lil dawk l-imsejkna għax bħalkom kellhom il-kuraġġ imorru kontra r-rieda suprema tas-sidien tagħhom…Aqbdu l-armi f’idejkom, aqbdu l-armi.”

L-idea li l-1 ta’ Mejju jiġi magħżul bħala festa mundjali tal-ħaddiema oriġinat u ġiet ikkonkretizzata f’Kungress Internazzjonali Soċjalista li sar f’Pariġi fl-1889. Din saret fl-okkażjoni ta’ espożizzjoni internazzjonali fejn il-ħaddiema tad-dinja fl-istess ġurnata jitolbu li s-siegħat tax-xogħol jitnaqqsu legalment għal tmienja. Il-Federazzjoni Amerikana tax-Xogħol kienet iddeċidiet, fil-Kungress li żammet f’St. Louis fis-sena 1889, sabiex manifestazzjoni bħal din issir fl-Ewwel ta’ Mejju tal-1890. Il-ġurnata tal-Ewwel ta’ Mejju reġgħet ġiet magħżula bħala l-ġurnata tal-ħaddiema fil-kungressi Soċjalisti – Internazzjonali li saru f’Brusselles u f’Zurig fl-1891.

Minn dak iż-żmien, l-Ewwel ta’ Mejju bdiet aktar u aktar issir festa Marxista li tissimbolizza t-taqbida tal-ħaddiema kontra l-Kapitaliżmu. Bosta drabi, din il-festa kienet okkażjoni fejn isir it-tixrid tad-demm bħalma seħħ f’Milan u Franza fl-1898. Ngħid li bdiet issir festa minħabba l-fatt li bosta mexxejja Marxisti kellhom ix-xewqa li din tibda tkun il-festa uffiċjali tal-ħaddiema li tikkompeti mal-festi tradizzjonalment assoċjati mal-Knisja u l-Borgeżija. Naturalment, il-Kattoliċi, ħaddiema u mhumiex, irrifjutaw li jissieħbu f’din il-ġlieda għall-“ġustizzja soċjali” mibnija fuq l-odju u l-vjolenza. Il-Knisja Kattolika allura, li sa minn dejjem kellha f’qalba l-klassijiet l-aktar umli fis-soċjetà, qaddset il-ġurnata tal-Ewwel ta’ Mejju u elevata għal festa Kattolika.

ir-reazzjoni tal-knisja

Fl-1955, il-Papa Piju XII introduċa l-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem fil-Kalendarju Ruman bħala festa ekkleżjastika kontrarja għall-Jum Internazzjonali tal-Ħaddiema li kienet prattikament festa Soċjalista. Ir-raġunijiet ta’ għalfejn il-Knisja introduċiet din il-festa kienu tnejn:

  1. Il-Knisja riedet turi li x-xogħol mhuwiex biss mezz biex naqilgħu l-flus, imma għandu dinjità spiritwali. San Ġużepp kien mastrudaxxa, ħaddiem ordinarju li għex ħajja sempliċi u onestà. Għalhekk sar mudell ta’ kull min jaħdem.
  2. L-Ewwel ta’ Mejju kien diġa magħruf bħala Jum il-Ħaddiema (marbut ma movimenti li bosta drabi kienu sekulari u soċjalisti). Il-Papa Piju XII ried jagħti tifsira Nisranija lil dan il-jum, u biex juri li l-Knisja tappoġġja d-dinjità u d-drittijiet tal-ħaddiema.

Il-Knisja ma tipprojbixxix lin-Nisrani milli jiċċelebra l-Ewwel ta’ Mejju. Madankollu, il-problema b’din il-ġurnata kapaċi sseħħ jekk dak li jkun jagħmel iċ-ċelebrazzjoni ta’ din il-ġurnata waħda marbuta ma ideoloġiji li jiċħdu lil Alla jew li tippreżenta viżjoni tax-xogħol mingħajr id-dimensjoni spiritwali tal-bniedem. In-Nisrani għandu jirrikonoxxi l-valur tax-xogħol u jiċċelebra l-ġustizzja soċjali u d-drittijiet tal-ħaddiema, iżda għandu jagħmel dan kollu fid-dawl tal-fidi, billi jara x-xogħol bħala sehem fil-ħolqien ta’ Alla.

l-ewwel ta’ mejju u l-m.a.s.

Il-proposta li l-Ewwel ta’ Mejju f’Malta ssir vaganza pubblika ġiet mill-M.A.S. lura fl-1956. Il-M.A.S. kienet tħabtet sabiex din il-ġurnata tingħata vaganza mhux biss lill-impjegati tal-partikular iżda b’liġi lill-impjegati tal-privat kollha fl-industrija u l-kummerċ. Għall-M.A.S. pero’, kuntrarju ta’ dak li riedu s-soċjalisti, l-Ewwel ta’ Mejju kienet festa mhux biss tal-ħaddiema imma wkoll festa Nisranija. Ta’ spiss kienet tħeġġeġ lin-nies sabiex f’din il-ġurnata jiltaqgħu fuq il-Fosos tal-Floriana sabiex juru appoġġ lill-Arċisqof kontra “l-għedewwa taċ-ċiviltà Nisranija.” Fl-aħħar net, il-M.A.S. kienet, u għadha, tiċċelebra l-Ewwel ta’ Mejju bħala l-festa tax-xogħol u ta’ San Ġużepp Ħaddiem. Kienet tissinifika festa ta’ għaqda bejn ix-xogħol u r-reliġjon, bejn il-ħaddiema u l-Knisja, bejn il-poplu u Kristu, u hekk jeħtieġ li nżommuha.

is-sitwazzjoni llum

F’Malta llum, minħabba l-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja, ix-xogħol bħal donnu sar is-sid tagħna, bħal entità li żżomna lsiera tagħha. Opportunitajiet biex nibnu u ngawdu l-komunitajiet u familji tagħna ftit li xejn qed ikollna. Sirna poplu li ngħixu għax-xogħol, iżda naħdmu kemm naħdmu, donnu qatt mhu biżżejjed. Saħansitra, billi adottajna ekonomija bbażata fuq l-importazzjoni tal-ħaddiema barranin, spiċċajna waqqajna kemm il-livell tax-xogħol u anke l-valur tal-ħaddiem innifsu. Sabiex insolvu l-problemi li qed naffaċċjaw, jeħtieġ li norjentaw l-istrutturi politiċi tagħna lejn il-prinċipji l-aktar fundamentali tad-duttrina soċjali tal-Knisja:

  1. Id-dinjità ta’ kull persuna
  2. Il-ġid komuni
  3. Is-solidarjetà
  4. Is-sussidjarjetà
  5. L-għażla preferenzjali għall-foqra
  6. Id-drittijiet u d-doveri
  7. Id-dinjità u drittijiet tal-ħaddiema
  8. Il-kura tal-ħolqien

messaġġ konklussiv

Ħaddiema! Kif San Ġużepp ħadem b’qawwa kwieta u fedeltà, hekk aħna wkoll għandna naħdmu bħalu sabiex nibnu soċjetà aktar qaddisa u ġusta fil-veru sens. F’din il-ġurnata tal-Ewwel ta’ Mejju, niftakru x’kien qal il-qaddis Papa Ġwanni Pawlu II: “ix-xogħol huwa għall-bniedem, u mhux il-bniedem għax-xogħol.” Mela jekk se nimxu fuq dawn il-kliem, ma nħallu ebda ekonomija tiġi qabel id-dinjità ta’ kull persuna. Soċjetà verament ġusta ma titkejjilx b’kemm tikber l-ekonomija jew bil-ġid li jiġi maħluq, iżda bil-kwalità ta’ ħajja li toffri lill-ħaddiema tagħha. Jekk kull wieħed minna jimxi u jaħdem fuq il-passi ta’ Ġużeppi ta’ Nazaret, din il-ħolma ta’ soċjetà aktar qaddisa u ġusta toqrob lejn ir-realtà.

Dwar l-awtur

Muscat Jake

Jake Muscat iservi bħala l-Uffiċjal għall-Komunikazzjoni tal-MAS. Huwa qiegħed jistudja fl-Università ta' Malta fejn iggradwa b'Baċċellerat fit-Teoloġija u l-Istorja tal-Arti, Diploma fl-Istorja Maltija f'Kuntest, u qiegħed attwalment jistudja Masters fl-Istudji Maltin.

Żid kumment