Fejn jidħol ix-xogħol f’Malta hemm numru ċar ta’ suċċessi , dan juri reżiljenza, adattabilità u tkabbir ekonomiku sostenut. B’rata ta’ qgħad fost l-inqas fl-Ewropa, il-pajjiż ħoloq opportunitajiet f’setturi diversi, attira talent u investiment, u żamm kultura tax-xogħol dinamika u produttiva. Il-kontribut kemm tal-ħaddiema Maltin kif ukoll barranin saħħaħ l-industriji, ta appoġġ lin-negozji, u għen lil Malta tibqa’ kompetittiva f’ekonomija dejjem aktar globali.
Madankollu, dan is-suċċess ġab miegħu sfidi li ma nistgħux ninjoraw. Id-dipendenza dejjem tikber fuq il-ħaddiema barranin tqajjem mistoqsijiet importanti dwar is-sostenibbiltà fit-tul, l-impatt soċjali, il-kompożizzjoni demografika u l-kapaċità tal-infrastruttura. Fl-istess ħin, hemm tħassib serju dwar il-kwalità tax-xogħol, il-protezzjoni tal-ħaddiema kollha, u r-rispett lejn id-dinjità tax-xogħol u l-elevament verament progressiv tiegħu, u r-rata għolja ta’ tibdil fl-impjiegi li jaf jixhdu prekarjat spjaċevoli. Dawn jenfasizzaw il-bżonn li t-tkabbir ma jsirx a spejjeż tal-ġustizzja u l-istabbiltà. In-nuqqas ta’ ħiliet adegwati u l-pressjonijiet demografiċi juru wkoll kemm hemm urġenza għal ippjanar strateġiku li jnaqqas id-dipendenza min mano d’opera barranija u jiddiversifika l-ekonomija b’mod li aktar ħaddiema jitbiegħdu minn xogħol li jrendi redditi minimi u, jew relattivament baxxi. Infakkru wkoll li l-ambizzjoni tagħna għandha tkun li b’politika għaqlija fix-xogħol inkunu mal-aqwa fl-Unjoni Ewropea, meqjusa wkoll l-ispejjeż notevoli affaċċati mill-Maltin għall-bżonnijiet bażiċi bħall-ikel u d-dar.
Biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, Malta trid tiffoka fuq titjib fl-edukazzjoni u fl-iżvilupp tal-ħiliet specjalment dawk vokazzjonali, issaħħaħ l-infurzar tal-istandards tax-xogħol, u tinvesti fl-infrastruttura u fil-kwalità tal-ħajja. Bidla lejn tkabbir ibbażat fuq produttività, aktar milli sempliċement fuq żieda fil-ħaddiema importati, hija essenzjali. Billi nibbilanċjaw l-opportunità mar-responsabbiltà, nistgħu nipproteġu l-kisbiet tagħna u nibnu futur aktar sostenibbli u inklużiv għall-ħaddiema kollha.
