Il-Prim Ministru u dikjarazzjonijiet fuq l-abort (NOTA: Qabel il-vot tal-Parlament Ewropew)

I

NOTA: Din intbagħtet qabel il-vot tal-Parlament Ewropew li diġà kkummentajna fuqu. Sad-data tal-pubblikazzjoni (20 ta’ April 2024) f’dan is-sit ma kienx hemm risposta.

Għażiż Onorevoli Prim Ministru,

Niktiblek f’isem il-Moviment Azzjoni Soċjali u fir-rispett ta’ dak mistqarr minnek illum, 8 ta’ April 2024 dwar l-abort u kull dibattitu nazzjonali possibbli.

Ippermettilna f’nifs wieħed nesprimu t-twemmin li int favur il-ħajja umana innoċenti, u għaldastant kontra l-abort, u mill-banda l-oħra t-tħassib għall-kliemek u l-pożizzjoni li jwasslu.

Nixtiequ nesprimu xi punti dwar l-istess:

  1. Kap politiku jesprimi ruħu fuq kwistjonijiet li jmissu mad-drittijiet, u l-liġijiet li bilfors ikollhom jintmessu fir-rigward, kif ukoll r-regolamentazzjoni opportuna u l-amministrazzjoni pubblika meħtieġa. Kap politiku ma jistax jabdika minn dan, u nitħassbu jekk wieħed jipprova jpinġi d-dibattitu bħala wieħed li m’għandux ikun “politiċizzat”. Onestament, dak kollu li jolqotna bħala poplu u lil hinn minnu, dak kollu li huwa soċjali, huwa politiku. Il-politiċi għandhom jitkellmu, il-kapijiet politiċi b’responsabbiltà akbar biex jagħmlu dan. Ċertament, id-dibattitu m’għandux ikun partiġġjan, kif ħaddieħor prova jagħmel id-dibattitu meta l-aħħar tressqu emendi għall-Kodiċi Kriminali, u għajb għal min jagħmlu hekk, però d-dibattitu huwa dejjem politiku.
  2. Inti esprimejt il-pożizzjoni tiegħek diġà: (i) meta għamilt dikjarazzjoni espliċita li jekk il-predeċessur tiegħek Dottor Joseph Muscat jikkampanja favur l-abort, inti tkun kontrih; u (ii) d-dibattitu dwar l-emendi għad-delitt tal-abort prokurat fil-Kodiċi Kriminali li żammew in-nazzjon f’kontroversja għal xhur sħaħ u taw vittorja favur il-ħajja umana innoċenti sabu lilek u l-grupp parlamentari Laburista, f’pożizzjoni nettament favur dik il-ħajja. Dwar dan ngħidu prosit u grazzi talli smajt u smajtu, u ċċarajtu pożizzjoni li fid-deher kienet fl-intenzjoni (iżda mhux fl-applikazzjoni inizzjali) favur il-ħajja umana innoċenti mill-bidu nett u spiċċat hekk fil-konkret tal-liġi wara li smajtu l-għajta għall-ġustizzja ta’ min jitkellem għal min ma jistax.
  3. Ma narawx lok, u ma nqisuhx xieraq jew dinjituż, li tiġi rinnegata pożizzjoni ċara kif murija mill-fatti politiċi li rawk protagonista. Sinċerament, inwasslulek l-appoġġ tagħna jekk tmantni dik ir-rotta ġusta, u nassigurawk l-oppożizzjoni fuq din il-kwistjoni jekk le. Jekk biħsiebek tabdika mir-rwol ta’ kap politiku biex preżumibilment tħalli “s-soċjetà ċivili” jew “l-interessati” (stakeholders) jgħidu tagħhom, inti tkun qiegħed tiċħad lin-nazzjon mill-kelma u l-pożizzjoni ta’ kap politiku mill-iprem u li kapaċi jinfluwenza parti kbira tal-poplu. Tħallix min jimbuttak biex il-poplu jiġi mqarraq favur il-qtil tal-innoċenti.

Tkellem, tkellem favur il-ħajja umana innoċenti.

Tislijiet,

avv. Edric Micallef Figallo. – President M.A.S.

Dwar l-awtur

mas-malta.eu

Żid kumment