
Papa Ljun XIII, missier id-duttrina soċjali Kattolika moderna
Hemm kotba ta’ kull tip dwar suġġetti relatati mal-Kattoliċiżmu lesti għall-qari, ħlief fir-rigward ta’ xogħolijiet serji fuq politika u ekonomija minn punto di vista Kattoliku. Ħafna mill-kitbiet rigward ġustizzja soċjali Kattolika mis-snin 60’ u 70’ fihom xejra materjalista u huma pjuttost laxki fit-tagħlim tagħhom.
Ix-xogħolijiet bl-aktar sustanza rigward kif għandha tkun soċjeta Kattolika jiġu l-aktar mis-snin 30’, l-aħħar għaxar snin li fihom kien hemm moviment serju għal prinċipji soċjali Kattoliċi. Nies ikkonċernati fuq fejn sejra s-soċjeta moderna hawn ħafna, u dawn għandhom ikollhom l-opportunità li jibbażaw is-sens tagħhom ta’ dak li hu ħażin fid-dinja moderna fuq ħsieb soċjali Kattoliku.
It-tagħlim soċjali Kattoliku huwa dak il-parti mit-tagħlim morali tal-Knisja li jittratta mal-ħajja soċjali tal-bniedem – tagħlim li joffri suġġerimenti rigward kif soċjetà għandha tidher fl-aspetti soċjali, politiċi u ekonomiċi tagħha.
Il-Knisja tibbaża t-tagħlim soċjali tagħha fuq veritajiet mgħallma mill-filosofija u li huma konfermati mir-rivelazzjoni; b’hekk huwa differenti minn pożizzjonijiet politiċi oħra ħabba li hu ffundat fuq il-verità. Dan hu fundamentalment differenti minn kull ideoloġija politika li teżisti – id-duttrina soċjali hi differenti mhux biss fl-approċċ tagħha iżda wkoll fis-suppożizzjonijiet sottostanti.
Pożizzjonijiet politiċi oħra għandhom differenza komuni għat-tagħlim soċjali Kattoliku fis-sens li normalment ikunu: xettiċi, bla twemmin f’verità assoluta fuq xiex jibbażaw l-azzjoni politika tagħhom; materjalisti, jiġifieri li jaraw l-iskop tal-bniedem fil-ħajja tiegħu bħala xejn ħlief it-tgawdija temporanja għall-oppost ta’ preparazzjoni għall-ħajja eterna; u naturalisti, ma jirrikonoxxux l-eżistenza ta’ realtajiet u veritajiet li ma jidhrux, ma jintmissux u ma jistgħux jiġu mkejla.
Id-duttrina soċjali taffronta l-politika b’mod radikalment differenti. Għall-Kattoliċi, il-ħajja politika hi kwistjoni tal-prattika tal-virtujiet fil-kuntest tal-ħajja soċjali, u kwalunkwe struttura tas-soċjetà li tinkuraġġixxi l-virtà għandha tiġi mfaħħra għax tgħin lin-nies imorru l-ġenna. L-oppost huwa veru għal soċjetajiet li jinkuraġġixxu l-vizzji – bħal tagħna – jew li jagħmlu l-prattika tal-virtujiet diffiċli.
Nies li m’humiex prattikanti Kattoliċi huma kapaċi jaċċettaw il-prinċipji varji tad-duttrina soċjali bla ma jaċċettaw il-Knisja għax il-prinċipji jirriflettu d-dritt naturali, li hu bbażat fuq ir-raġuni. Ħabba f’dan, Kattoliċi u oħrajn huma kapaċi jikkollaboraw f’ċerti żoni speċifiċi għal politiki speċifiċi li jikkonformaw mal-prinċipji soċjali Kattoliċi.
Bħala kredu soċjopolitiku, id-duttrina soċjali Kattolika la hi tal-lemin u anqas tax-xellug, fil-verità hi tielet triq. Hi titraxxendi l-lemin u x-xellug u tissopravvivihom bil-viżjoni unika tagħha ta’ ordni soċjali.
Il-ħassieba tal-ewwel nofs tas-seklu 20 kienu fil-konfront ta’ problemi li, uħud minnhom, anke llum qed naffaċċjaw: qgħad, ekonomija industrijalizzata, sistema finanzjarja b’djun nazzjonali redikoli u użura rampanti. L-approċċ tagħhom lejn dawn il-kwistjonijiet kien ibbażat fuq artikolazzjoni u applikazzjoni – bla kompromessi jew apoloġiji – tal-pożizzjoni vera Kattolika.
Problema li nsibu llum hi li hemm tendenza li noffru duttrina soċjali bierda, li naddattaw it-tagħlim għad-dinja u mhux id-dinja għat-tagħlim. Ċerti kitbiet rigward id-duttrina soċjali tal-Knisja huma newtralizzati bix-xewqa li ma ‘jixokkjawx‘ qarrejja moderni żżejjed u biex jaffermaw ċerti aspetti tal-ħajja moderna bħala aċċettabbli u li fil-verità mhumiex.
Biex nikkonkludi, il-kitbiet rigward id-duttrina soċjali Kattolika jindirizzaw il-bżonn ta’ politika msejsa fuq is-sens komun, il-verità, il-ġid komuni u li tissalvagwardja d-dinjità umana. Tajjeb li nistaqsu jekk is-sistema politika li għandna hix tassew tqis il-ġid komuni fis-sens Kattoliku, jew sempliċiment qiegħda taħdem favur ideoloġiji li jmorru kontra d-duttrina Kristjana. Hija r-responsabbiltà tal-Knisja u tagħna l-lajċi sabiex ikun hemm tagħlim u applikazzjoni kif jixraq tal-prinċipji soċjali Kattoliċi fil-ħajja politika tagħna.

Rerum Novarum, l-enċiklika fundamentali tad-duttrina soċjali Kattolika moderna
