
38 Maltin ġew internati u eżiljati lejn l-Uganda illegalment fl-1942. Ritratti tal-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta
Forsi ftit jafu, u ħafna inqas jimpurtahom, li din is-sena jaħbat it-80 anniversarju mir-ritorn f’Malta ta’ 41 patrijotti Maltin li rritornaw mill-eżilju sfurzat tagħhom ġewwa l-Uganda, l-Afrika. Ngħid “ftit jafu” għax aħna l-Maltin għandna tendenza kerha li ninsew il-passat u s-sagrifiċċji tal-antenati tagħna, u ngħidu “inqas jimpurtahom” għax bħal issa maħkuma minn apatija gravissima. Però dawn l-eroj, li baqgħu sa ma ġew eżiljati mill-patrija tagħhom leali, anzi lealissimi, lejn il-valuri u l-prinċipji tagħhom, għandhom iservu ta’ eżempju għalina u għall-klassi politika ta’ xi tfisser li tkun bniedem ta’ stoffa u li tħaddan l-onestà bħala l-politika tiegħek. Lealissimi, anke lejn il-Kuruna Brittanika u mingħajr ebda prova serja u attendibbli ta’ żlealtà lejn il-Kuruna Brittanika, kif spiss xlewhom għall-iskopijiet partiġjani tagħhom l-avversarji politiċi tagħhom. Uħud minn dawk l-avversarji politiċi sa waslu biex jipproponu l-piena tal-mewt għal uħud minnhom. Minn dawk li tkellmu u kitbu tul is-snin, u kif ukoll mid-diretti interessati spiss tqajjem il-ħsieb li dan kien xogħol viljakk u vili ta’ Malti kontra Malti, bl-Imperjalista Brittaniku jimbotta l-Malti li lest jilgħaqlu l-qiegħ taż-żarbun.
Sfond Storiku
Fl-ewwel nofs tal-aħħar Seklu, l-akbar kwestjoni politika f’Malta kienet l’hekk imsejħa kwistjoni tal-lingwa, li kienet daħlet fix-xena politika Maltija lura fl-aħħar nofs tas-Seklu 19. F’termini sempliċi, f’Malta kien hawn fazzjoni ta’ nies favur li tinżamm il-lingwa Taljana bħala lingwa ta’ kultura, istruzzjoni u uffiċjali tan-nazzjon Malti u oħrajn li riedu li l-Ingliż jieħu s-sopravvent kontra sekli sħaħ ta’ storja kulturali Taljana f’Malta. Il-patrijotti tal-ewwel kienu mmexxija minn dott. Enrico Mizzi bħala “il cavaliere senza macchia e senza paura” u l-oħrajn mbuttati minn Lord Gerald Strickland, iben nobbli Ingliż u addirittura membru huwa stess tal-House of Commons f’Londra. Ladarba fl-1940 l-Italja ddikjarat gwerra fuq ir-Renju Unit, awtomatikament daħlet fiż-żifna Malta kwantu bażi militari Brittannika f’baħar prattikament Taljan (Malta kienet effettivament imdawwra minn kull riħ minn territorji fil-kontroll tal-Italja). Minħabba dan, il-fazzjoni li kienet favur il-kultura Taljana ta’ Malta bdiet tiġi akkużata b’diversi affarijiet li ma kienux minnhom. Fost dawn l-akkużi nsibu li kienu ttimbrati bħala “Faxxisti”. F’Malta kienet teżisti għaqda ta’ faxxisti jisimhom “Malta Union of Fascists”, però dawn kienu pjuttost anglofili aktar milli italofili, u biex tissieħeb magħhom kellek bżonn tiddikjara l-lealtà tiegħek lejn il-kuruna Britannika. Apparti minn hekk, il-fazzjoni favur il-kultura Taljana ġiet mixlija wkoll bl-akkuża li kienu “Quislings”, li tfisser li kienu qegħdin jikkospiraw mal-gvern ta’ Mussolini sabiex jinvaduna t-Taljani. Għalkemm kienu jeżistu pro-Taljani irredentisti, cioè dawk li xtaqu li Malta ssir parti mir-Renju Taljan, din ma kienitx il-linja uffiċjali tal-moviment Nazzjonalista favur il-kultura Taljana ta’ Malta, kultura li kienet fostna għal mijiet ta’ snin u li l-gwerra politika u demokratika għaliha bdiet fis-seklu dsatax meta Mussolini kien għadu ‘qas twieled. . Fit-Tieni Gwerra Mondjali, “Quisling” kienet tirreferi għan-Norveġiż Vidkun Quisling, li kien kollaboratur tan-Nażisti fin-Norveġja, u allura din kienet tikketta oħra malafamanti u bla bażi biex tittimbra lil dak li jkun bħala traditur. Iżda kienet ironika li grupp ta’ Imperjalisti, li kienu kuntenti b’Malta ddominata minn pajjiż barrani Nordiku, kellhom il-kuraġġ li jippuntaw is-swaba huma dwar min hu traditur meta huma stess kienu qegħdin jittradixxu mijiet ta’ snin ta’ kultura u spiss anke l-interessi materjali tal-Maltin favur l-Imperu Brittanniku u għat-tornakont tagħhom. Għaldaqstant, ir-rieda tal-Imperjalisti mmexxija minn Strickland bis-servilità tal-fazzjoni ta’ Pawlu Boffa mexxew favur liġi li kienet tippermetti lill-Gvernatur sabiex jiddeporta lil dawk li kienu internati; kien hemm madwar 120 minnhom miżmuma fil-kunvent ta’ Sant’ Agata. L-uniku persuna li oppona kien Sir Ugo Pasquale Mifsud li miet ftit wara l-intervent tiegħu fil-Kunsill tal-Gvern. Dik l-istess liġi ġiet wara dikjarata illegali mill-għola Qorti tal-Maesta Brittanika Tiegħu f’Malta, per giunta preseduta minn Imħallef notarjament Imperjalista u ex-sostenitur ta’ Lord Gerald Strickland.
Għalfejn kienu pro-Taljan?
Bosta forsi jistaqsu, għalfejn kienu favur il-kultura Taljana f’Malta dawk li ġew iddeportati? F’Malta x’importanza kellu t-Taljan? U għalfejn kellna nżommu t-Taljan a skapitu tal-Ingliż li kienet il-lingwa tal-Imperu meta aħna konna kolonja tagħhom? It-Taljan kienet ilha lingwa uffiċjali u ta’ kultura letterarja u amministrattiva ta’ Malta sa minn qabel żmien l-Ordni ta’ San Ġwann u kienet għajn identifikabbli tal-Ewropeità tal-Maltin. Minħabba n-nuqqas ta’ kultura b’saħħitha biżżejjed imreġġija fuq il-lingwa mitkellma Maltija, il-moviment Nazzjonalista ra li l-Ingliżi setgħu faċilment jiddominaw lill-Maltin li kieku l-lingwa Taljana tintilef minn Malta. Saqsu lilkom infuskom, liema lingwa tiddomina l-ħajja letterarja, amministrattiva u aktar tagħna llum? L-Italja kienet dik li tipprovdi l-ftit ħajja kulturali li kienet teżisti f’Malta. Kien hemm bosta studenti li marru jistudjaw hemm: artisti u arkitetti kienu influenzati ħafna mit-tendenzi li kienu jeżistu fl-Italja. Anke l-kultura popolari kienet Taljana: kanzunetti Taljani u l-Opera. It-Taljan kien vitali bħala lingwa kulturali: il-Malti kien prattikament bla użu jew fjakk fi sferi kulturali. Allura n-Nazzjonalisti, immexxija minn Enrico Mizzi, kellhom raġun meta stqarru li l-uniku mezz ta’ kif setgħu iwaqqfu d-dominanza Ingliża u kultura Prostestanta milli tinfiltra l-pajjiż kien bil-preżenza tal-kultura Taljana fil-gżejjer. B’din il-forma mentis f’postha, il-fazzjoni ta’ Mizzi oġġezzjonat għal kwalunkwe mossa li kienet kapaċi thedded il-pożizzjoni tat-Taljan fil-gżejjer tagħna. Kienu jafu wkoll li l-Imperjalisti kellhom l-għan li jużaw il-Malti sabiex jeqirdu t-Taljan u jħallu l-Ingliż jiddomina, xi ħaġa li qed naraw l-effetti tagħha llum. Il-Malti għalhekk kien intuża storikament, u llum missna nagħmlu użu ferm aħjar tiegħu. Minħabba dan kollu, l-Imperjalisti kienu, u l-eredi tagħhom għadhom, jittimbraw lin-Nazzjonalisti veri u integri ta’ Enrico Mizzi bħala “irredentisti”. Iżda, il-lealtà, il-militanza u s-sagrifiċċju tagħhom dejjem kienu lejn Malta; u jekk dik il-missjoni kienet tirrikjedi t-tisħiħ tar-rabtiet bejn Malta u l-Italja mela kienu jkunu favur mossa bħal din ladarba kienet tibbenefika d-drittijiet kostituzzjonali tal-Maltin. Il-Maltin kienu politikament Ingliżi: però kienu ġeografikament, etnikament, storikament, kulturalment, spiritwalment Taljani. Żgur ma kienux hekk Ingliżi, li kienu aljeni għall-antenati tagħha. Ma tistax storikament u etnografikament tqabbel il-kultura u lingwa Taljana ma’ dik Ingliża bħala xi realtà interskambjabbli, bl-aħħarijiet spiss isservi biss ta’ sempliċi għodda ekonomika u opportunistika għat-tornakont. Il-lingwa Taljana kienet il-mezz spiritwali u konkret ta’ kif il-Maltin setgħu jaffermaw u jmantnu l-individwalità nazzjonali fi ħdan l-Imperu li kien mifqugħ b’sentimenti ta’ superjorità razzista kontra min mhux Ewropew (u ġieli anke kontra min ma kienx mill-Ewropa tal-Majjistral). L-Italianità, li l-Kattoliċeżimu ta’ Ruma kien prattikament parti fondamentali minnha, kienet l-Ewropeità tagħna u xejn aktar.
Id-Deportati
41 minn dawk li kienu internati f’Sant’Agata spiċċaw ġew iddeportati u poġġuti abbord l-HMS Breconshire fi triqtu għal Lixandra fl-Eġittu fi Frar tal-1942. Huma waslu fil-kamp tal-konċentrament f’Entebbe fl-Uganda fl-14 ta’ April 1942, post meqjus perikoluż għall-Ewropej. Bosta mid-deportati sofrew mill-malarja fl-Uganda u ħafna kienu baqgħu morda sa ma ġew ripatrijati f’Malta. Il-posta li setgħu jibgħatu lejn Malta kienet ċensurata immens mill-Ingliżi. Kull persuna kellu l-permess li jibgħat żewġ ittri fil-ġimgħa b’massimu ta’ 30 kelma l-waħda, u setgħu jiktbu biss affarijiet personali fihom. Wara li fl-4 ta’ Mejju 1942 d-deportazzjoni ġiet meqjusa bħala illegali mill-Qorti tal-Appell wieħed kien jobsor li allura dawn id-deportati kienu se jinġiebu lura lejn Malta però din l-illegalità u delitt tal-gwerra kellu jitkompla. Anqas fl-1943 meta l-Italja kkapitulat quddiem l-Amerikani u meta ma kien baqa’ ebda tama li l-Italja tinvadi lil Malta ma ttieħdet deċiżjoni sabiex dawn jinġiebu lura. Minflok, id-deportati żammewhom fejn kienu sal-1945, tliet snin wara li l-att tad-deportazzjoni ġie ddikkjarat illegali. Ir-ripatrijazzjoni tad-deportati bdiet f’April tal-1944 u l-kumplament waslu lura fit-8 ta’ Marzu tal-1945, fosthom il-“perikolożissimi” fosthom bħal Enrico Mizzi, li spiċċa Prim Ministru u bl-unuri ta’ funerali statali bit-truppi Brittaniċi jimmarċjaw għalih. Tajjeb li nsemmu li mid-deportati kollha l-anqas wieħed ma nstab ħati ta’ xejn qabel, waqt jew wara l-Gwerra, u fuq kollox wara li setgħu provaw ħafna, ebda ċarlatan odjern ma se jirnexxilu. Storiċi Brittaniċi stess sostnew x’viltà kienet dik li twettqet kontra dawn il-patrijotti Maltin.

L-avv. Enrico Mizzi, Kap tal-Partit Nazzjonalista, kien wieħed mid-deportati.
Konklużjoni
Wara tmiem il-Gwerra, il-Maltin donnhom riedu jinsew il-passat tagħhom. It-trawma tal-Gwerra kkombinata mat-tmexxija awtoritarja u diskriminatorja tal-Brittanniċi f’dik l-epoka ikkreat mentalità ta’ serviliżmu u ta’ biża’, fejn in-nies kienu kuntenti b’dak li offrewlhom is-sidien kolonjali tagħhom bla ma fetħu fommhom għad-dinjità nazzjonali tagħhom, salv uħud li kif rajna soffrew ħafna għaliha. Il-potenza tar-reżistenza li kellhom il-Maltin qabel il-Gwerra bħal donnu qatt ma kienet. Din hi relatata mal-fatt li l-internament u deportazzjoni tal-Maltin qatt ma ġiet mitkellma jew diskussa kif jistħoqqilha wara l-Gwerra. Ħafna minn dawk id-deportati baqgħu sal-aħħar ta’ ħajjithom iħossu li ma kienux apprezzati biżżejjed għas-sagrifiċċju li għaddewhom minnu. L-Imperjalisti u l-Ingliżi kienu rnexxielhom ikissru kuxjenza u fervur nazzjonali li kien fl-aqwa tiegħu qabel il-Gwerra. Enrico Mizzi kien irnexxielu jsir Prim Ministru fl-1950 iżda kaġun tat-trawma u sofferenza kemm fiżika u kemm psikoloġika li kien sfurzat jgħaddi minnha, huwa miet tliet xhur biss wara l-ġurament tiegħu. Sal-aħħar nifs, huwa baqa’ il cavaliere senza macchia e senza paura.
Il-M.A.S. tul is-snin kellu l-opportunità ifakkar lil dawn il-vittmi tal-Imperjaliżmu Brittanniku, ħatja ta’ patrijottiżmu li jiċħad l-opportuniżmu, is-serviliżmu u l-iżnazzjonalizzazzjoni tal-Maltin f’attakk kontra parti integrali u fondamentali tal-patrimonju nazzjonali tiegħu. Fost dawn, wieħed isib ix-xandiriet radjofoniċi fuq Radju MAS fis-snin disgħin tas-Seklu li għadda, ideati mill-fundatur tagħna Mons. Fortunato P. Mizzi (ssibuhom hawn – https://youtu.be/oLnoMjTTeZw?si=J6f7BEKlNc1z3v46) u attività b’kommemorazzjoni għal Enrico Mizzi, l-aktar politikament prominenti fost l-eżiljati, fl-2022 (issibuha hawn https://youtu.be/yWX6Cz7Vzv8?si=JEZmiCl49QCVCaY7) fis-sede nazzjonali tal-MAS. Minn nofsinhar fit-8 ta’ Marzu 2025 issibu wkoll xandira reġistrata ta’ diskussjoni bejn il-koawturi ta’ dan l-artikolu, billi żżuru l-kanal YouTube tal-M.A.S (preċiżament hawn – https://youtu.be/5XjCrq-bfNY).
Ngħalqu b’nota għal min kapaċi jkun irid jipprova jħammeġ il-memorja tal-istess, infakkruhom f’żewġ affarijiet: (i) kif bl-Otto Settembre, is-Sette Giugno, l-Indipendenza, ir-Repubblika u l-Ħelsien il-poplu Malti ċaħad l-Imperjaliżmu Brittaniku kostituzzjonalment, u għad jonqosna ħafna x’nagħmlu kulturalment; u (ii) kif mal-mewt ta’ Enrico Mizzi anke avversarju bħal Perit Dom Mintoff twassal biex jgħid u moralment jimpenja “il-Maltin kollha” biex “bla ebda distinzjoni jagħtuh dak li ħaqqu, jiġifieri jaraw fih il-bniedem onest u integru, li kien lest jissagrafika kollox anke lilu nnifsu basta isostni l-ideal tiegħu…Bħalma huwa talab lilna l-maħfra qabel ma miet nixtiequ li lilu bħala Maltin in-Nazzjon kollu jagħtih ir-rispett bil-fatti u mhux biss bil-kliem.” (PATRIA! Sibt 30 ta’ Diċembru 1950)
Jake Muscat Dip.(Melit.) B.A.(Melit.) u avv. Edric Micallef Figallo LL.D. LL.M (Melit.)
