
Is-Sette Giugno 1919 kienet għaġna ta’ fatturi soċjali, patrijottiċi u kulturali li wasslu lin-nazzjon sal-punt tal-vjolenza kontra l-Imperjalisti u dawk servili lejh li spiss kienu jaraw sal-interess ta’ buthom biss. Ma għandux jiġi sottovalutat, u fil-passat kien hemm tentattivi ta’ vili biex jillimitaw il-valur tiegħu speċjalment minn min taħraqlu qalbu għall-Imperjalisti. Li kieku l-vera kapijiet politiċi u reliġjużi tal-Maltin ma kkwitawx l-affarijiet, seta’ kien jiżviluppa f’agħar (u ma ngħidx aħjar għax is-suċċess ta’ Maltin diżarmati kontra truppi Brittaniċi armati sa snienhom u lesti jisparaw fuqna ma kinitx ċajta, apparti li esternament ma kellnix appoġġ bħal fi żmien l-insurrezzjoni kontra r-rivoluzzjonarji Franċiżi).
Dawk il-kapijiet kienu għaddejjin fuq quddiem bil-proċessi tal-Assemblea Nazionale u kienu jittamaw fl-akkoljiment tat-talbiet Maltin b’mod mhux vjolenti. Fil-fatt l-Imperjalista Brittaniku, flok grazzi għax ikkalmaw lin-nies, tagħna Kostituzzjoni (cioè l-Kostituzzjoni tal-1921) monka għall-aħħar meta tqis li talbet l-Assemblea Nazionale. Din spiss ġiet mgħoddija bħala suċċess, iżda kif jixhdu d-dokumenti kienet pass pożittiv ‘il bogħod ħafna minn dak mitlub mill-Assemblea Nazionale bir-riżoluzzjoni tagħha tas-26 ta’ Awwissu 1920, li kien dak mitlub mill-Maltin u injorat mill-Brittaniku.

Ma’ dawk li wasslu l-għadab tagħhom kien hemm ħaddiema tat-tarzna, studenti Universitarji u aktar, u dan mentri kienet għaddejja l-Assemblea Nazionale li kienet tirrappreżenta b’mod korporattiv il-gruppi soċjali kollha. L-Imperjalista Ingliż wara l-fatti ried jipprova jitfa’ r-responsabbiltà fuq Enrico Mizzi u mhux f’xi psewdoprotosoċjalist jew ħaddieħor, u dan kien tentattiv ieħor biex jeliminawh politikament (kienu diġà għaddewh minn Qorti Marzjali fl-1917 għax mexa patrijottikament bi dritt).

Dwar is-Sette Giugno tħalliet toktor narrattiva minimizzanti u filosoċjalista, li hija skorretta storikament, soċjalment u politikament. Semmejna l-ħaddiema tat-tarzna, sa dak iż-żmien ħafna minnhom kienu jappoġġaw lil Enrico Mizzi u ħaddieħor ma kellux segwitu u appoġġ politiku konsistenti.
Il-festa baqgħet magħna bl-isem ta’ Sette Giugno għax ir-reżistenza kulturali għall-politika Imperjalista kienet netta u kienet imsejjsa fuq il-kultura Latina tal-Maltin u eżiġenzi soċjali li kienu jeħtieġa kostituzzjoni awtonoma xierqa li jirrispettaw id-dinjità nazzjonali tagħna. Il-front nazzjonali sa dak iż-żmien kien aktar unitarju, iżda wara li tefgħu fuqna l-Kostituzzjoni tal-1921, kien ikun aktar opportun li baqa’ hekk. Iżda, l-Imperjalisti rnexxilhom fl-iskop tagħhom, u wassluna għall-qasma tal-front nazzjonali, u ħaddieħor li rieda ta’ padrun assolut tar-rieda u d-drittijiet tal-ħaddiema ftit wara spiċċa gwapp servili tal-agħar Imperjalist u kapitalist fl-istorja ta’ Malta sa dakinhar sakemm fl-aħħar spiċċa hu wkoll, iżda mhux l-eredi kulturali tiegħu. Dawn l-aħħarin mexxew in-narrattiva dwar is-Sette Giugno għal ħafna żmien. Is-Sette Giugno bħala fatti storiċi kienet taħlita ta’ pretensjonijiet ġusti, b’avversarju wieħed. Iżda proprjament, wara li seħħet it-tfakkir tagħha kellu rwol patrijiottiku u ta’ reżistenza anti-Imperjalista, u spinta għal aktar ġustizzja mal-Maltin in ġenerali.

Fil-fatt, sinċerament, hija riduttiva wkoll is-soltu kommemorazzjoni parlamentari u n-narrattiva li s-Sette Giugno wassal għall-Parlament Malti. Din hija tiġbida kbira tal-affarijiet, speċjalment meta tqis dak li l-Imperjalista Brittaniku tagħna bħala Kamra tad-Deputati taħt il-Kostitutuzzjoni tal-1921. Kostituzzjoni li konvenjentement, inġustament u dittatorjalment ġiet sospiża u revokata fis-snin tletin tas-seklu l-ieħor, u swiet għal ftit mingħajr ir-rieda tal-Imperjalista. Ġeneralment il-patrimonju li ħallietilna, apparti xi liġijiet tajbin meta l-Maltin tħallew jaħdmu verament b’mod awtonomu taħt dik il-Kostituzzjoni, hija nazzjon diviż, b’partiġġjaniżmu tribali u injorant għall-aħħar. Dawk li jagħmlu l-kommemorazzjonijiet parlamentari joktru fuq dan, mhux se jitkellmu kontra sakemm is-siġġu jaslilhom għax li jitqagħtel Malti kontra ieħor fi spettaklu orrend u medjokri utli għalihom. Ċapċap bajju, prosit Ministru u viva l-kap.
Aħna nawguraw li ngħarfu l-valur veru tas-Sette Giugno, b’apprezzament lejn id-dinjità nazzjonali u tradizzjonali tagħna, u b’mod li jfakkarna li nistgħu nkunu magħqudin bħala Maltin lil hinn minn partiġġjaniżmu tribali u ħsibijiet u sottofondi kulturali klassisti u antinazzjonali, magħġuna ma’ disprezz lejn il-patrimonju integru tagħna. Fost ċertu sens ta’ medjokrità politikosoċjali, nemmnu li l-bidla possibbli u hemm sinjali pożittivi għaliha, iżda ż-żmien qed jagħfas. Qumu mir-raqda.
Dak is-Sette Giugno u li ġie wara. Buon Sette Giugno. RIP lill-martri.
avv. Edric Micallef Figallo.
President M.A.S.
