Pożizzjoni uffiċjali dwar il-konsultazzjoni fuq l-ewtanasija

P

Il-Moviment Azzjoni Soċjali (M.A.S.) jesprimi l-oppożizzjoni bla eċċezzjoni għal kull idea li tiffavorixxi li xi ħadd ineħħi ħajtu b’idejh jew jitlob lil ħaddieħor jgħinu biex jitterminalu ħajtu, li huwa att ta’ qtil li f’dal-każ b’maskra ta’ ġustifikazzjoni. Qiegħed jingħadda ħafna kliem ingannevoli li jitkellmu dwar “dinjità”, “kwalità” et cetera li jaħarbu mill-pedament tal-valur fundamentali tal-ħajja li għandha tingħex mill-konċepiment sal-mewt naturali.

Il-M.A.S., filwaqt li jesprimi li fi prospettiva ta’ tmiem ta’ ħajja (allegatament) inevitabbli s-sens ta’ ħajja ta’ persuna jista’ jiġi dubitat u, jew miċħud minn dik il-persuna, isostni li m’għandix tkun is-soċjetà permezz tal-liġi u, jew permezz ta’ servizzi ta’ saħħa, li jiġu servizzi għall-kultura tal-mewt, li jaslu biex jiġġustifikaw, jimbuttaw u jrawmu mentalijiet li jiftħu t-triq għall-kultura tal-mewt.

Dan kollu jingħad filwaqt li tiġi espressa l-akbar simpatija għall-passjoni li jkunu għaddejjin minnhom ċertu persuni, iżda bil-ħsieb li dawn l-istess persuni ma jitħallewx jaqaw f’dak it-turment qerriedi. Il-M.A.S. jagħraf, kif jistgħu jgħarfu ħafna minnha, li ambjent li jrawwem il-valur tal-ħajja jaħdem kontra kull idea ta’ suwiċidju jew qtil assistit, b’mod li r-rieda retta ma ċċedix għat-tentazzjoni li ttemm il-ħajja, tmiem li fil-perspettiva quddiema huwa tmiem għal dejjem li aħna qatt ma nistgħu naġevolaw b’kuxjenza retta.

Il-M.A.S. ma jistax ma jfakkarx li kull ewtanasija hija ħażina, u mhux f’pożizzjoni li joqgħod jitkellem favur xi ħaġa ħażina kontra xi ħaġa aktar ħażina.

Hemm raġunijiet areliġjużi kontra l-ewtanasija, inklużi dubbji dwar kif tiġi applikata l-prattika, il-motivazzjoni għalfejn, kemm verament jista’ jkun mentalment f’sensih min possibbilment qiegħed fi stat ta’ disperazzjoni aċċellerat mill-prospettiva li jeħles minnha, kemm hija preċiża x-xjenza medika dwar persuna hix fil-pożizzjoni li qiegħed jipprospetta l-Gvern għal dan id-“dritt”, et cetera. Kollha dubbji leċiti, leġittimi u opportuni li ġew imressqa minn ħaddieħor, u li ma jeħtieġux ripetizzjoni minna. Apparti dan, hemm premessi fallaċi għal-limitazzjonijiet prospettati mill-Gvern iżda dawn fetħu l-bieb għal diskussjoni aktar mifruxa, dwar id-“dritt” ta’ kull min ikun li jittermina ħajtu skond ir-rieda tiegħu u prattikament xejn aktar. Jiġifieri, sewwa jgħid min jargumenta li dan pass biex ċertu movimenti jwassluna għal diskussjoni u politika favur dak id-“dritt”. Għal raġunijiet areliġjużi dan kollu jista’ jiġi oppost u f’ġieħ is-sewwa m’għandux jipprevali. Għandna ħafna eżempji ta’ persuni li għexu bl-akbar dinjità l-fażi terminali ta’ ħajjithom fuq din l-art, li spiss ix-xhieda tagħhom qiegħda titħalla fis-silenzju, kemm ovvjament b’rispett għall-privatezza tagħhom iżda wkoll b’oskurament politiku konvenjenti. Hawnhekk ukoll, il-M.A.S. jingħaqqad mar-rieda ta’ prattikament kulħadd biex programmi u servizzi ta’ kura paljattiva jissaħħu, iżda jesprimi xettiċiżmu dwar kemm din il-proposta tkun tista’ taħdem favur l-istess fil-prattika.

Iżda l-Kattoliku ma jieqafx ikun tali meta joħroġ mid-dar jew mill-knejjes, u x-xhieda soċjali hija doveruża u f’Malta, u speċjalment fost il-Maltin veri, id-dati uffiċjali jgħidulna li hawn maġġoranzi kbar f’kull faxx ta’ età li jidentifikaw ruħhom bħala Kattoliċi. Għalhekk, bir-rispett kollu ma nistgħux ma ngħidux li l-ewtanasija hija ingann kontra t-twemmin li ħafna suppost għandhom skond ma jistqarru.

Din hija wkoll proposta għal liġi u prattika amministrattiva tar-Repubblika ta’ Malta, hija ħaġa pubblika ta’ kulħadd u niċħdu kull argument falz mil-linja “jekk ma tridux, tużahx”. Dak ingann ieħor. Il-M.A.S. konvint li Maltin konxji, kif għandhom ikunu l-Maltin kollha, meta tqis kollox, ma jistgħux ikunu favur l-ewtanasija u kull konsultazzjoni pubblika ġenwina għandha tkun miftuħa għall-ipoteżi li l-proposti mressqin għall-konsultazzjoni pubblika jinċaħdu mill-pubbliku. Il-M.A.S. jingħaqqad ma’ dik il-parti tal-pubbliku u jitlob iċ-ċaħda assoluta tal-proposta mressqa għall-konsultazzjoni pubblika. Finalment, għandha tipprevali kultura favur il-ħajja u kultura li tiftaħ il-bieb għal “grazzja” tal-mewt mhix kompatibbli ma’ kultura favur il-ħajja.

Dwar l-awtur

mas-malta.eu

Żid kumment