Attivisti

(Mill-istatut, jista’ jkun hemm dispożizzjonijiet oħra statutarji li japplikaw – Iktbilna fuq info@mas-malta.eu għal kull interess dwar sħubija f’din il-kategorija)

5.3.1. Ikunu Attivisti dawk li jwettqu l-promessi preskritti fl-artikolu 5.3.2. u li jkollhom l-approvazzjoni tal-Kumitat Nazzjonali tal-Moviment Azzjoni Soċjali;

Iżda kull Attivist għandu jkun ċittadin tar-Repubblika ta’ Malta u jaf jikkommunika bil-lingwa Maltija, u minħabba raġunijiet storiċi u utilitarji l-għarfien tal-lingwa Taljana u dik Ingliża huma promossi anke jekk mhux obbligatorji.

5.3.2.   L-Attivisti huma dawk imsieħba fl-għola livell ta’ sħubija u impenn fil-Moviment Azzjoni Soċjali, u biex ikunu approvati bħala tali skond l-artikolu 5.2. għandhom jagħtu u josservaw raġonevolment dawn il-promessi:

  • Li wiehed jagħmel kollox għall-glorja ta’ Alla u għall-ġid tal-oħrajn;
  • Li wieħed ikun leali lejn il-prinċipji, u l-iskopijiet u l-missjoni tal-Moviment Azzjoni Soċjali;
  • Li wieħed ikun sinċier u onest fil-ħajja tiegħu kollha;
  • Li wieħed ma jaħdimx fil-Moviment Azzjoni Soċjali sabiex iħares għall-interessi personali tiegħu;
  • Li wieħed jaħdem speċjalment għall-ġid tal-ħaddiema;
  • Li jipparteċipa raġonevolment fil-Kors ta’ Studji Soċjali, u għall-aġġornamenti tiegħu, meta programmati u provduti mill-Moviment Azzjoni Soċjali; u
  • Li fl-impenn soċjali tiegħu, jiġifieri lil hinn minn l-impenji lavorattivi, professjonali, vokazzjonali jew reliġjużi tiegħu, ipoġġi l-involviment u l-impenn tiegħu fil-Moviment Azzjoni Soċjali qabel kull impenn ieħor.

5.3.3.      L-ebda Attivista, mid-data li jkun daħal fil-Moviment Azzjoni Soċjali bħala tali, ma jkun jista’ jissieħeb ma’ organizzazzjonijiet oħra mingħajr il-permess speċjali tal-Kumitat Nazzjonali.

5.3.4.     L-Attivisti approvati jibqgħu jitqiesu Attivisti u msieħba fil-Moviment Azzjoni Soċjali għal għomorhom sakemm ma jirriżenjawx jew jiġu sospiżi jew mkeċċija skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-istatut.

5.3.5.     L-Attivisti huma mistennija li jkunu mħarġa, jew li jkunu għamlu, studju speċjali u ta’ preparazzjoni għall-ħidma tagħhom u għal dan il-għan, il-Kumitat Nazzjonali għandu jorganizza attivitajiet li jikkostitwixxu Kors ta’ Studji Soċjali u li jinkuraġġixxu 1-istudju soċjali biex 1-Attivisti jieħdu tagħlim f’materji bħal, iżda mhux biss, dawn li ġejjin:

  • Ekonomija, storja ekonomika, teoriji ta’ żvilupp u 1-applikazzjoni tagħhom – inklużi ħidma kooperattiva u 1-iżvilupp tagħha;
  • Legiżlazzjoni u amministrazzjoni soċjali – Maltija u komparattiva;
  • Dritt Kostituzzjonali, amministrazzjoni pubblika (ċentrali u lokali), organizzazzjoni komunali, politika u soċjali;
  • Elementi tal-psikoloġija soċjali, struttura soċjali u soċjoloġija;
  • Filosofija, storja ta1-ideoloġiji politiċi, etika soċjali, tagħlim soċjali tal­-Knisja u tagħlim teoloġiku; u
  • Struttura, funzjonijiet u dokumentazzjoni ta’ Organizzazzjonijiet Internazzjonali fl-oqsma soċjoekonomici, kummerċjali, monetarji, produzzjoni agragrja, saħħa u edukazzjoni, relazzjonijiet industrijali u assistenza teknika;

Iżda l-Kumitat Nazzjonali jista’ japprova s-sħubija ta’ persuna bħala Attivista meta din tkun raġonevolment preparata, basta din timpenja ruħha tattendi l-Kors ta’ Studju Soċjali organizzat mill-Kumitat Nazzjonali.

5.3.6.   L-Attivisti għandhom jattendu għall-attivitajiet organizzati mill-Kumitat Nazzjonali u msejjħin “Formazzjoni tal-Attivisti” li jiġu kommunikati lill-attivisti bil-posta elettronika tal-anqas għaxart ijiem tax-xogħol qabel.

5.3.7.   Il-laqgħat ta’ Formazzjoni tal-Attivisti għandhom iservu għall-formazzjoni tal-Attivisti stess u fihom għandhom jiġu studjati 1-problemi li jolqtu l-ħajja u 1-ħidma tal-Moviment.

5.3.8.   Il-laqgħat ta’ Formazzjoni tal-Attivisti għandhom ikunu preseduti mill-President jew minn persuna delegata minnu b’approvazzjoni mill-Kumitat Nazzjonali.

5.3.9.   Il-President jista’ jpoġġu punti għad-diskussjoni fl-aġenda għal-laqgħat ta’ Formazzjoni tal-Attivisti, b’dana illi m’hemmx obbligu li tiġi segwita xi formalità għajr kif disposta b’dan l-istatut u ż-żamma ta’ verbali tal-laqgħat mhix obbligatorja.

5.3.10. Kull attività li tkun, inklużi dawk meħtieġa mill-istatut fuq kull livell, jistgħu jiġi deżinjati bħala Formazzjoni tal-Attivisti b’deċiżjoni tal-President ex officio jew tal-Kumitat Nazzjonali u għaldaqstant dak disposta dwar l-attendenza japplika wkoll għalihom.

5.3.11. L-Attivisti li jonqsu li jattendu għal-laqgħat ta’ Formazzjoni tal-Attivisti għal darbtejn konsekuttivi jew tlitt darbiet f’sena mingħajr ġustifikazzjoni valida mogħtija lill-Kumitat Nazzjonali jiġu ipso facto meqjusa Membri però jkollhom kull dritt tal-vot sospiż għall-kumplament ta’ dik is-sena u għas-sena kalendarja ta’ wara;

Iżda, il-Kumitat Nazzjonali, qabel il-mogħdija taż-żmien imsemmi, jista’ jirreintegra lil persuna bħala Attivista jekk il-Kumitat Nazzjonali ikun unanimament konvint li dik il-persuna tkun meritevoli;

Iżda wkoll, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu ma jgħoddux għall-Attivisti li jkunu membri eletti jew sostituti tal-Kumitat Nazzjonali.

5.3.12. L-Attivisti huma soġġetti għad-dixxiplina tal-Kumitat Nazzjonali li tista’ tinkludi s-sospensjoni tad-drittijiet kollha jew it-tneħħija mill-Moviment Azzjoni Soċjali, u kull deċiżjoni tal-Kumitat Nazzjonali tista’ tkun soġġetta għal appell quddiem l-Assemblea Ġenerali li jkun imiss wara dik id-deċiżjoni;

Iżda salv kif dikjarat xort’oħra f’deċiżjoni tal-Kumitat Nazzjonali, kwalsiasi dritt ta’ appell ma jwaqqafx id-deċiżjoni tal-Kumitat Nazzjonali.